Miktub minn Ruth Frendo Illustrat minn Graziella Farrugia Pubblikatur: Pro Motion LTD f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu Ħames personaġġi b’forom, kuluri u daqsijiet differenti jgħixu fid-Dinja tal-Orsini- post mill-iktar speċjali. Flimkien, jgħaddu minn ħafna avventuri li, permezz tagħhom, il-ħamest iħbieb jesploraw ħajjithom b’mod li jistgħu jifhmuh il-qarejja tfal. Kull storja f’din is-serje twassal għal avventura ‘Orsina’ differenti, li dejjem tgħaddi messaġġ siewi. It-tfal jistgħu jgawdu dawn l-istejjer sew billi jinqrawlhom minn xi adult, kif ukoll jekk jaqrawhom huma stess. Illum, l-Orsini jiltaqgħu ma’ kelb għażżien ħafna, li ma jħobbx jagħmel l-eżerċizzju. Imma l-Orsini jafu li, biex nibqgħu f’saħħitna, huwa importanti ħafna li niċċaqilqu. Għalhekk, jiddeċiedu li jagħtuh tagħlima żgħira lil dan il-kelb, u fl-istess ħin jispiċċaw jgħoddu xi naqra wkoll! Mela x’għandhom f’moħħom? Ejjew ħa naraw x’se jivvintaw din id-darba, il-ħbieb tagħna. L-istejjer tal-Orsini jfittxu li jiftħu l-imħuħ u l-qlub tat-tfal, sabiex juruhom kemm id-dinja tagħna hi tassew sabiħa u maġika!