

Josmar Borg

April 1, 2020

6:03 pm
This Lesson Was Contributed By:
Phyllisienne Borg
This Lesson is For:
Lesson Duration:
40 mins.
What Should You Expect From This Lesson?
Poeżija dwar is-solitudni li taħkmek meta tħossok differenti minn ħaddieħor. Fl-istess ħin hija riflessjoni fuq ħajjitna, bla hedu, sabiex inlaħħqu mal-kapriċċi tal-lum.
How To Carry Out This Lesson At Home:
– L-Ewwel Parti –
1. Aqra l-poeżija għal darba (Agħfas il-ħolqa “Resources”). Tinkwetax jekk ma tifhimx kollox! (Tinsiex, int m’intix Rużar Briffa u allura se jkollok opinjonijiet suġġettivi, jiġifieri personali.)
2. Fuqiex taħseb li hi l-poeżija?
3. Il-kelma “Quo Vadis?” hija “Fejn Sejrin?” bil-Malti. Taħseb li t-titlu huwa xieraq?
4. Taħseb li tapplika għaż-żminijiet tal-lum?
5. Agħfas il-ħolqa “Video” u ara l-filmat. Taħseb li jirrelata mal-poeżija? Għaliex?
***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** *****
– It-Tieni Parti –
Wara li tkun weġibt il-mistoqsijiet ta’ fuq bl-opinjoni tiegħek aqra dawn il-punti li ġejjin:
1. Il-poeta juża l-ħarruba bħala portavuċi biex iwassal il-messaġġ tiegħu. Għaliex taħseb li juża l-ħarruba u mhux siġra oħra?
TWEĠIBA: Il-ħarruba hija siġra li tgħix ħafna u l-poeta jagħżel lilha biex juri li hu xjaħ u allura għandu l-esperjenza li ż-żgħażagħ neqsin minnha.
2. Il-poeta jinsab waħdu (“weħidha”) imbiegħed mill-kumplament tas-soċjetà. Jagħtina x’nifhmu li hu riesaq lejn il-mewt mentri s-soċjetà għadha mimlija ħajja (“għolja ġeblija” VS “qalb ħadranija” – mewt VS ħajja). Għaldaqstant jinsab f’pożizzjoni li jagħti l-opinjoni oġġettiva, jiġifieri bil-fatti, tiegħu u jikkritika n-nuqqasijiet tas-soċjetà. Iżda x’inhuma dawn in-nuqqasijiet?
3. Jibda biex l-għaġla jaraha bħala nuqqas għax ittellfek minn ħafna sabiħ tal-ħajja. Ngħiduha kif inhi, ħafna drabi meta ngħaġġlu niżbaljaw u jkollna nibdew kollox mill-bidu. Skontu ħadd u xejn ma jwaqqafna u dejjem għaddejjin, sajf (“is-sħana tax-xemx”) u xitwa (“il-bewsa tar-riħ”).
4. Jistaqsi għaliex minn meta nitwieldu sakemm immutu dejjem għaddejjin “gas down” u minħabba f’hekk qed nitilfu anke l-paċenzja u rridu kollox fil-pront.
5. Il-poeta jgħidilna “ħalja”. Int tħossok ħali? Meta jitqattagħlek xi flokk, qalziet jew basket, issewwih jew tixtri ieħor? Mowbajl għandek? Kemm? Wieħed? Tnejn? Aktar? Tħossok ħali?
6. Jistaqsi fejn huma għeruqna, jiġifieri x’sar mill-valuri tagħna. Skontu qed nitilfu l-valuri li xi darba kienu jħaddnu. Pereżempju: fil-passat il-familja kienet tinġabar u tiekol flimkien, tgħid ir-rużarju flimkien, tmur il-quddies flimkien u l-aqwa ħaġa, in-nies kienu jikkomunikaw. Taħseb li llum għadna l-istess? Għaldaqstant taħseb li qed nitilfu ċerti valuri?
7. Briffa jispiċċa l-poeżija b’mistoqsija rettorika. Ovvjament jagħmilha biex int li qed taqra l-poeżija tirrifletti ftit fuq ħajtek u tistaqsi lilek innifsek, “fejn sejjer?” Din il-mistoqsija rettorika tagħtina x’nifhmu li, wara kollox, il-bniedem dejjem għaddej “gas down” biex ilaħħaq mal-kapriċċi tiegħu biss (“il-lehma biss tagħhom il-ħajja tas-suq”). Meta allura qed nitilfu dak kollu li hu sabiħ, jiġifieri l-paċenzja, il-valuri, il-ħin mal-għeżież tagħna, għal affarijiet materjali li fil-verità mhuma se jwassluna mkien u meta nistaqsu lilna nfusna “fejn sejrin?”, it-tweġiba se tkun “imkien”.
8. Din hija poeżija riflessiva li ġġegħelna naħsbu dwar in-nuqqasijiet tagħna, tiegħek u tiegħi, u nirranġawhom issa li għadna “fil-qalb ħadranija” u għandna ż-żmien.
***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** *****
– It-Tielet Parti –
Il-poeżija hija maqsuma f’żewġ partijiet: l-ewwel parti tittratta l-ħarruba/il-poeta nnifsu; it-tieni parti tirrifletti s-soċjetà moderna.
Il-versi u r-rima huma ħielsa bħalma huma l-ħielsa, wara kollox, il-bnedmin.
***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** ***** *****
– Ir-Raba’ Parti –
Islet vers biex tfisser dawn it-termini letterarji:
1. anafora
2. personifikazzjoni
3. metafora
4. mistoqsija rettorika