What Should You Expect From This Lesson?

F’din l-opportunita’ t-tifel/a ser j/titgħallem dwar in-nemel. Ser j/titgħallem fejn jgħixu, kif jaħsbu għall-ikel u li n-nemel joħroġ biss fis-sajf sabiex ikun jista’ jerfa’ l-ikel għax-xitwa.

How To Carry Out This Lesson At Home:

Opportunita’ 1: Fatti dwar in-nemel
Ħin: 30 minuta

Power point: Fatti dwar in-nemel

Qabel ma tibdew din l-attivita’ tistgħu titkellmu mat-tifel/a tagħkom billi ssaqsuh/a x’jafu dwar in-nemel. It-twegibiet tagħhom tistgħu tniżżluhom f’web (ara stampa nru 1). L-ideat jistgħu ikunu differenti minn dawk fl-istampa u kull tweġiba hija aċċetata.
F’din l-opportunita’ t-tifel/a ser j/titgħallem fuq in-nemel. Fil-PPT (ara PPT dwar in-nemel) ser j/tara li n-nemel għandhom kuluri differenti, x’ikel jieklu u kif iġorru l-ikel biex iżommuh għax-xitwa. Din l-opportunita’ ser tgħin lit-tifel/tifla j/titgħallem vokabolarju ġdid, il-kuluri, in-numri u se tgħin fl-iżvilupp tal-komunikazzjoni. Wara l-vidjow tistgħu ssaqsu xi mistoqsijiet.

Hawn taħt għandkom issibu xi mistoqsijiet li jistgħu jkunu ta’ għajnuna:
1. X’kulur huma in-nemel?
2. Meta jibdew jippreparaw biex iġorru l-ikel? Fis-sajf jew fix-xitwa?
3. In-nemel iġorru affarijiet tqal jew ħfief?
4. In-nemel kemm għandhom saqajn? (Ejja ngħodduhom flimkien – tista’ twaqqaf il-vidjow fuq l-istampa tan-nemlu u tgħoddu s-saqajn tan-nemel flimkien).

Attivita’: Inpenġu n-nemlu

Riżorsi (jekk ser tużaw il-kuluri)

• Ipprintjaw stampa numru 2
• Kuluri: iswed u kannella

Riżorsi ( jekk ser tużaw glitters)

• Ipprintjaw in-nemlu
• “Glitters” : iswed u kannella
• Kolla
• Pinzell

Metodu 1:
Spjega lit-tifel/a li ser i/tpenġi n-nemlu bil-kulur li j/tixtieq. Jekk j/taqbeż l-linja ma jkun ġara xejn. It-tpenġija m’hemmx għalfejn tiġi perfetta. Wara li j/tkun lest/a, tista’ ssaqsi lit-tifel/a x’kulur uża/t biex i/tpenġi n-nemlu u għaliex. B’hekk tkunu qed tgħinu lit-tifel/a fil-kommunikazzjoni kif ukoll fir-rikonoxximent tal-kuluri.

Metodu 2:
Spjega lit-tifel/a li ser j/tagħmel n-nemlu u ser j/tagħżel il-glitters li j/tixtieq. Bil-pinzell ser j/tagħmel il-kolla fuq in-nemlu. Wara ser j/titfa’ l-“glitters” li j/tkun għażel/għażlet. Wara li j/tkun lest/a tista’ ssaqsi lit-tifel/a x’kulur għażel/et biex i/tpenġi in-nemlu u għaliex. B’hekk tkunu qed tgħinu lit-tifel/a fil-kommunikazzjoni, fir-rikonoxximent tal-kuluri kif ukoll fl-iżvilupp tal-muskoli ż-żgħar peress li j/trid j/taqbad il-glitters bis-swaba’.

Opportunita’ 2: Storja dwar in-nemel
Ħin: 45 minuta

F’din l-opportunita’ t-tifel/a ser j/tara l-istorja dwar in-nemel. It-tifel/a ser jaraw kif in-nemel jibdew jaħsbu għall-ikel minn kmieni sabiex fix-xitwa jkollhom ikel biżżejjed speċjalment meta tkun ix-xita. Peress li din hi storja fittizja, idiskutti mat-tifel/a liema affarijiet in-nemel jista’ jiekol u liema le. Hawn taħt għandkom issibu xi mistoqsijiet li jistgħu jkunu ta’ għajnuna.
1. Dwar xiex inhi l-istorja?
2. Kemm kien hemm nemel?
3. X’affarijiet ħadu n-nemel?
4. Fejn kienet Kelina meta n-nemel daħlu d-dar?
5. Minn fejn ħadu l-ikel? Mill-kċina jew mis-salott?
6. X’taħseb li jieklu n-nemel? (tistgħu terġgħu taraw il-vidjow waqt il-mistoqsijiet)

Attivita’: Nesploraw fil-ġnien
F’din l-opportunita’ t-tifel/a ser ikollu/ha ċ-ċans li jesploraw aktar in-natura. Tistgħu tieħdu lit-tifel/a tagħkom fi ġnien jew f’postijiet tan-natura bħall-Buskett jew Ta Qali. F’ din l-opportunita’ it-tifel/a ser i/tfittex in-nemel fil-ħamrija. Għal din l-attivita’ hemm bżonn lenti żgħira tat-tfal. Tistghu tagħmlu karta bajda bi ftit ikel bħall-frak tal-ħobż fuqha biex b’hekk in-nemel ixomm l-ikel u jitla’ fuq il-karta u jkun iktar faċli għat-tifel/a biex j/tara n-nemel. jistgħu jieħdu xi ritratti bil-mowbajl jew b’kamera tar-ritratti taħt is-superviżjoni tal-adulti. Waqt din l-opportunita’, it-tfal se jesploraw u jgwadu iktar in-natura u filwaqt li jkunu qed iffitxu n-nemel jistgħu jiltaqgħu ma’ xi insetti oħra li jkun hemm fil-ħamrija.

Opportunita’ 3: Il-muntanja tan-nemel (stampa nru 3)
Ħin: 20 minuta

F’din l-opportunita’ t-tifel/a ser j/titgħallem kif in-nemel joħolqu muntanja bil-ħamrija. Spjega lit-tifel/a li n-nemel jagħmlu hekk biex ikollhom fejn joqogħdu, fejn iżommu ż-żgħar tagħhom u fejn ipoġġu l-ikel għal matul ix-xitwa. Meta jagħmlu din il-muntanja n-nemel joħolqu ħafna passaġġi differenti biex meta tagħmel ix-xita u l-muntanja tal-ħamrija tinġarr mal-ilma, dawn ma jispiċċawx mingħajr ikel.

Wara li tkunu spjegajtu lit-tifel/a dwar il-muntanja tan-nemel tistgħu tirreferu għall-vidjow t’hawn taħt.

Wara l-vidjow tista’ ssaqsih/a xi mistoqsijiet dwar in-nemel. Tista’ tikteb t-tweġibiet tat-tifel/a fuq il-web ta’ l-attivita’ numru 1. Hawn taħt għandkom issibu xi mistoqsijiet li jistgħu jkunu ta’ għajnuna.
1. Taħseb li jkun hemm nemel fid-dar tiegħek?
2. Fejn taħseb li jkunu l-aktar? Għaliex? (aċċetta kull tweġiba)
3. In-nemel fejn jgħix?
4. Iż-żgħir tan-nemel x’kulur ikun? Iswed jew abjad?
5. In-nemel huwa kbir jew żgħir?
6. Semmi insett ieħor li hu żgħir bħan-nemlu.
Attivita’: Il-muntajna tan-nemel
Riżorsi:
• karta kannella (brown paper)
• A4 kartonċina bajda/karta
• Żebgħa sewda
• Kolla
• Pinzell

Metodu:
t-tifel/a ser j/tgħaffeġ l-karta l-kannella b’idejh/a. Bil-pinzell ser j/tagħmel il-kolla fuq il-kartonċina/karta bajda u ser i/twaħħal il-karta l-kannella biex b’hekk tiġi f’forma ta’ muntanja. Kif ikunu lesti, bis-suba’ l-werrej, ser j/tagħmel tikka biż-żebgħa sewda fuq il-karta l-kannella li ser jkunu qed jirrapreżentaw in-nemel. Jistgħu minflok jużaw il-qxur tal- karawett (stampa numru 3) biex jirrapreżentaw in-nemel.

Opportunita’ 4: Ngħoddu n-numri
Ħin: 20minuta

F’din l-opportunita’ t-tifel/a ser j/titgħallem in-numru 8. Din l-opportunita’ ser tgħinu/ha sabiex i/tkun familjari man-numru 8 fil-waqt li j/tirrikonoxxi n-numri minn 1-8. Din l-attivita’ ser tgħinu/ha j/ssaħħaħ il-konċentrazzjoni.
Qabel tibdew din l-attivita’ tista’ tgħid in-numri flimkien mat-tifel/a.

Riżorsi:
• Ipprintja in-numri minn 1 sa 8 (Stampa nru 4)
• Ipprintja in-nemel
• Imqass żgħir tat-tfal

Metodu:
Spjega lit-tifel/a li bl-imqass ser i/tqasqas n-nemel bl-għajnuna tagħkom. It-tifel/a ser i/tpoġġi n-nemel skont in-numru li jkun hemm miktub. Waqt l-attivita’ inkoraġixxi lit-tifel/a biex j/tgħid in-numri.
In-numri tistgħu tagħmluhom wara xulxin jew imħarbtin (mhux wara xulxin). Wara li tlestu din l-attivita’ tistgħu terġgħu tirrevedu n-numri billi t-tifel/a j/tgħodd in-nemel skont in-numru.

Opportunita’ 5: Niktbu l-ittra ‘n’ ta’ nemel
Ħin: 20 minuta

Vidjow dwar l-ittra ‘n’:

F’din l-opportunita’, t-tifel/a ser j/titgħallem l-ittra “n” ta’ nemel. Din l-attivita’ ser tgħin lit-tifel/a j/titgħallem vokabolarju ġdid u l-kulur iswed. Spjega lit-tifel/a li hemm ħafna affarijiet li jibdew bl-ittra ‘n’. Tistgħu twaqqfu l-vidjow u tispjegaw lit-tifel/a x’inhuma l-affarijiet li jibdew bl-ittra ‘n’.il-vidjow tistgħu tarawh iktar minn darba.

Attivita’:
Riżorsi
• Ross
• Żebgħa sewda/ “food colouring”
• Kontenitur tal-plastik

Metodu:

Flimkien mat-tifel/a poġġu r-ross f’kontenitur tal-plastik, żidu ftit żebgħa sewda/”food colouring” u t-tifel/a ser j/tħawwad iż-żebgħa mar-ross b’mgħarfa. Kif ir-ross ikun nixef sew bis-suba’ l-werrej ser j/tagħmel l-ittra ‘n’ fir-ross. Tistgħu tagħmlu l-ittra ‘n’ miktuba fuq karta bajda b’markatur iswed quddiem il-kontenitur tal-plastik biex b’hekk it-tifel/a j/tkun j/tista’ j/tara l-ittra.

Opportunita 6: Kanzunetta ‘In-nemel’
Ħin: 15-il minuta

Din l-opportunita’ ser tgħin lit-tifel/a biex jifhmu iktar fejn in-nemel jgħix, kif dawn iġorru l-ikel tagħhom u li dawn jaħdmu bħala tim wieħed. Spjega lit-tifel/a li hu/hi ukoll għandu/ha j/tieħu l-eżempju tan-nemel u j/taqsam l-affarijiet ma’ ħaddieħor kemm l-iskola kif ukoll id-dar. Din l-attivita’ ser tgħin lit-tifel/a j/tagħmel ftit eżerċċizju waqt li j/tiżfen mad-diska. Il-vidjow tistgħu tarawh aktar minn darba.