

Edward Gilson

April 16, 2020

12:46 pm
This Lesson Was Contributed By:
Geography Department
This Lesson is For:
Lesson Duration:
80 mins.
What Should You Expect From This Lesson?
F’din il-lezzjoni se naraw l-importanza tal-qtugħ tal-blat kalkarju (limestone) mill-barrieri bħala attività ekonomika, neżaminaw kif isir il-qtugħ tal-blat u niddeskrivu l-impatt tal-barrieri fuq in-nies u l-ambjent Malti.
How To Carry Out This Lesson At Home:
Il-blat huwa riżorsa importanti u materja prima ewlenija għal pajjiżna. F’pajjiżna nsibu żewġ tipi ta’ barrieri, dawk imsejħa Tal-Qawwi li jġibu l-blat mis-saff tal-Qawwi ta’ Fuq u mill-Qawwi ta’ Taħt u dawk magħrufa bħala Tal-Franka li jaqtgħu l-blat mis-saff tal-Globiġerina. Il-blat tal-qawwi jintuża l-aktar għall-produzzjoni tar-ramel, iż-żrar, il-briks u l-konkos, filwaqt li l-blat tal-franka jinqata’ fi ċnaġen għall-bini. Ix-xogħol tal-qtugħ tal-blat jiġġenera ħafna xogħol, mhux biss għall-ħaddiema li jaħdmu direttament fil-barrieri, iżda għal ħafna oħrajn li l-impjieg tagħhom huwa marbut direttament mal-industrija tal-kostruzzjoni.
Kif rajna l-industrija tal-bini f’pajjiżna tagħmel użu minn żewġ tipi ta’ blat differenti, wieħed kemxejn artab u l-ieħor wisq aktar iebes u b’saħħtu.
• Semmi żewġ tipi ta’ blat użati fil-gżejjer Maltin mill-industrija tal-bini.
• Għalfejn il-qtugħ tal-blat mill-barrieri huwa importanti u meħtieġ għall-ekonomija ta’ pajjiżna?
Il-blat ta’ pajjiżna jinqata’ u jintuża għal skopijiet differenti. Ikteb l-isem tal-blat meħtieġ biex jinħadmu dawn il-prodotti.
• Knaten tal-bini
• Żrar għall-użu fit-tarmak
• Ramel għat-tikħil
• ‘irħam’ ta’ Malta
• Skultura fil-ġebla
• Xaħx għat-tqegħid tal-knaten tal-bini
• Ċangaturi għall-art
• Produzzjoni tal-ġir
• Balavostri għall-gallariji u l-apramorti
• Briks għall-bini
• Żrar għall-konkos u l-planki tas-soqfa
Fl-imgħoddi l-qtugħ tal-ġebel fil-barrieri kien isir bl-għodda tal-idejn. Illum dan ix-xogħol isir bil-makkinarju f’ħin ħafna iqsar u b’inqas tbatija. Ara dan il-video li juru kif jinqata’ l-blat f’barriera tal-Franka. Naraw ukoll kif waqt il-qtugħ tal-knaten li jintużaw għall-bini jiġi prodott ukoll trab fin imsejjaħ xaħx, li flimkien ma ftit siment jintuża mill-bennej waqt li jkun iqiegħed il-ġebel.
Mill-banda l-oħra ż-żrar u r-ramel li jiġu maħdumin f’barriera tal-Qawwi jinqatgħu b’mod kompletament differenti. Il-videos t’hawn taħt jurunu l-ewwel kif jinqasam u jitwaqqa l-blat tal-qawwi bil-furnelli u wara kif jitkisser f’ biċċiet żgħar bil-crusher.
• Spjega kif jinqata’ u jinħadem il-blat fil-żewġ tipi ta’ barrieri li għandna u x’tip ta’ materjal jiġi pproċessat fihom.
Aqra s-silta li dehret f’gazzetta lokali (inkluża fit-taqsima tar-riżorsi bl-isem ta’ Gazzetta 1) u wara wieġeb dawn il-mistoqsijiet.
• Għaliex ir-residenti huma kontra li l-barriera titkabbar?
• X’qed jitlob il-kunsill lokali tal-post? Għalfejn dan hu meħtieġ?
• Għalfejn taħseb li l-għaqdiet ambjentali huma kontra l-proposta tal-estenzjoni tal-barriera?
• X’qiegħed iwiegħed sid il-barriera biex inaqqas l-impatt ambjentali?
Ħares lejn ir-ritratt li jġib l-isem barriera 2 li jinsab fit-taqsima tar-riżorsi u wara wieġeb dawn il-mistoqsijiet.
• X’tip ta’ blat qiegħed jinqata’ f’din il-barriera?
• Mil-liema taqsima tal-globiġerina jiġi dan il-blat?
• Għalfejn jintuża dan il-blat?
Aqra l-paġni 92 sa 95 tal-ktieb id-Dinja Darna 2. Issa semmi tal-anqas ERBA’ impatti tal-barrieri fuq in-nies u l-ambjent u spjega x’jista’ jsir mill-iskart iġġenerat mill-bini.